Ġeografija u Storja

Dwar l-Imtarfa

L-istorja u l-eżistenza tal-Imtarfa hija integrata bħala parti integrali mill-istorja ta’ Malta. Fdalijiet preistoriċi għadhom evidenti. Silos, ‘curt ruts’ u oqbra maqtugħin fil-blat jinstabu mferrxin fuq firxa wiesgħa tal-Imtarfa mhux urbana. 

Dr J.D. Evans, fil-ktieb tiegħu ‘The Prehistoric Antiquities of the Maltese Islands’ (Londra 1971 p. 107) jgħid li meta kienu qed jitħaffru xelters qabel l-ewwel Gwerra Dinjija (Frar-Marzu 1939), instabu żewġ silos b’forma ta’ qanpiena. Instab ukoll fuħħar. F’dawn l-aħħar snin meta l-ammont ta bini fl-Imtarfa żdied għar-raħal modern li nafu llum instabu silos oħra. 

Irħam imnaqqax instab madwar 1613. Ġie attribwit lit-Tempju ta’ Proserpina. Iskrizzjoni Rumana li bdiet bil-kelma CHRESTION u li għandha bħala l-aħħar kelma tagħha INAURAVIT (Bres, Malta Antica Illustrata, Roma 1816 p. 334 u 351) ġiet studjata minn studjużi Maltin u barranin. L-irħam li nstab fl-istess żona fl-1747, fejn darba kien hemm it-Tempju ta’ Apollo, intuża biex jinqata’ fi plakek differenti għall-artali. Stemma tal-Gran Mastru Carafa kienet ukoll skulturata minn fdalijiet tal-irħam li nstabu fuq il-post. Huwa importanti ħafna li jekk fdalijier jinkixfu fiż-żona tal-Iskola Primarja tal-Imtarfa, l-awtoritajiet pertinenti jkunu mwissija peress li s-sejbiet jistgħu jkunu ta’ importanza sinifikanti għall-istorja u l-kultura tagħna. 

L-isem ‘Mtarfa’ deher għall-ewwel darba f’Att notarili min-nutar Sqalli Noto Bartholo de Guasto u jidher bħala La Mitarfa, pecia terrae. Mtarfa tfisser ‘fuq it-tarf’. Madankollu l-Professur Godfrey Wettinger fil-ktieb tiegħu (‘Place Names’ p.403) huwa tal-fehma li l-oriġini tal-Imtarfa tista’ tkun assoċjata ma’ raġel Spanjol ta’ Età Medjevali – Mutarrif – li kien eżiljat fis-sit. 

Ġnien kbir fil-lokalità kien tal-Katidral tal-Imdina – magħruf aħjar bħala Ġnien San Nikola tal-Imtarfa, kellu kappella medjevali iddedikata lil Santa Luċija. Consalvo Argiona matul l-1460 kien għadda l-ġnien għand Tarkwinju Zammit u sussegwentement għand Antonio Falzon. Dan tal-aħħar ta’ l-ġnien bħala benefiċjarju lill-Katidral tal-Imdina li min-naħa tiegħu tah b’kirja perpetwu lil Angelo Manduca. Il-kirja kienet torbot lil Manduca biex, fost kundizzjonijiet oħra, jorganizza Quddiesa fil-kappella ta’ Santa Luċija. Il-Kappella hija mniżżla fiż-Żjara Pastorali tas-16 ta’ Mejju 1774 mill-Isqof Alpheran de Bussan. Jelenka numru ta’ grazzji mogħtija lid-devoti permezz tal-interċessjoni ta’ Santa Luċija. 

L-Imtarfa, għal diversi snin baqgħet bħala art fertili li tisboq bejn il-Widien tal-Qlejja u Wied il-Bużbież. Diversi rdieden tal-ilma kienu jżejnu l-ambjent panoramiku tar-raħal. Il-popolazzjoni kienet prinċipalment ta’ bdiewa u raħħala. Dawk li jrabbu l-annimali kienu jbiegħu l-bhejjem tagħhom fis-swieq tar-Rabat.  

L-Imtarfa kellha żvilupp fi żmien il-ħakma Ingliża f’Malta. Matul l-1890 inbnew kwartieri militari. Aktar tard inbena wkoll sptar biex jilqa’ midruba tal-Ewwel Gwerra Dinjija mid-Dardanelli. Ix-xogħol fuq l-isptar beda fl-1915 u tlesta sal-1920. Hekk kif l-Imtarfa saret ċentru t’attività u diversi ħaddiema ingaġġati lokalment kellhom jaslu sar-raħal bil-mezzi ta’ trasport limitati ħafna li kien hemm dak iż-żmien, fl-1883 il-ferrovija ġiet estiża għal-limiti tal-Imtarfa. Is-Servizzi Brittaniċi bnew sistema ta’ infrastruttura fir-raħal. Bnew Tank tal-ilma, li għadu jeżisti, biex jipprovdi għall-bżonnijiet ta’ kuljum u ġabru l-ilma tax-xita tal-wiċċ f’sistema oħra ta’ ġibjuni taħt l-art, li wħud minnhom għadhom jintużaw sal-lum. 

Id-devozzjoni lejn Santa Luċija, patruna ta’ dawk bil-mard tal-għajnejn, kibret mal-ftuħ tal-isptar. Madankollu l-Awtoritajiet Brittaniċi ħassew il-bżonn li tinbena kappella fi ħdan l-isptar, iddedikata lil San Oswald, biex tilqa’ għall-bżonnijiet spiritwali tal-pazjenti militari u l-familji tagħhom. Madwar l-1895 it-Torri tal-Arloġġ tal-Imtarfa kien diġà qed jiffunzjona. Għadu jaħdem u f’kundizzjoni perfetta. Kien biss dan l-aħħar li l-Kunsill tal-Imtarfa kien talab lill-Awtoritajiet biex jagħmlu rinnovazzjoni bir-reqqa tat-torri b’antiċipazzjoni tad-devoluzzjoni tiegħu lill-Awtorità lokali. 

Il-kura Spiritwali tal-Komunità tal-Imtarfa ingħatat minn Retturi maħtura mill-Parroċċa tar-Rabat. Fil-bidu kien hemm Dun Copperstone u numru ta’ Patrijiet Dumnikani, iżda għal ħafna mill-aħħar 50 sena, ir-Rev. Michael Saliba iddedika ruħu għall-bżonnijiet pastorali tal-popolazzjoni u ra d-daqs tal-Imtarfa jikber minn ftit mijiet għal aktar minn 2000 kif inhi llum. 

Il-passat riċenti tal-Imtarfa huwa magħruf sew. Mill-1987 inbnew diversi appartamenti; ex-stabbilimenti militari ġew konvertiti għall-użu ċivili u nbnew Ċentru għall-Kura ta’ Persuni b’Diżabilità, Ċentru ta’ Taħriġ għall-Adulti, u Ċentru Pastorali. Kienet saret qtugħ amministrattiv sħiħ mir-Rabat. 

Matul is-sena 2000 l-Imtarfa kienet eleġġet għall-ewwel darba l-Kunsill Lokali b’ħames siġġijiet. Għandha l-Iskola Primarja tagħha stess; Skola Sekondarja li taħseb għar-reġjun tal-madwar; Għassa tal-Pulizija tagħha, Librerija lokali ffinanzjata mill-Kunsill Lokali, u Klinika li għadha fl-istadji inizjali tagħha. 

Il-Kunsill Lokali tal-Imtarfa waqqaf is-27 ta’ April bħala Jum l-Imtarfa biex jimmarka x-xahar meta sentejn ilu, ħadu l-kariga l-ewwel rappreżentanti eletti lokalment. Il-qofol taċ-ċelebrazzjonijiet ta’ ġimgħa biex jimmarkaw dan il-Jum fis-27 ta’ April 2002 kien l-unur ta’ GIEĦ L-IMTARFA mogħti lir-Rev. Dun Saliba għas-servizz u l-gwida siewja lill-komunità tiegħu għal aktar minn 50 sena.