Previous slide
Next slide

Fil-perjodu Ruman, l-Imtarfa kienet subborg ta’ Melite, u kien hemm Tempju ta’ Proserpina. Il-fdalijiet tat-tempju ġew meqruda fis-sekli 17 u 18 u l-ġebel reġgħa ntuża f’bini ieħor. Fdalijiet sostanzjali tas-subborg innifsu, inkluż l-arranġament tat-toroq u ħafna oqbra, baqgħu jeżistu sal-aħħar tas-seklu 19. Fl-1890, fl-Imtarfa bdew jinbnew kwartieri militari Ingliżi, u fil-proċess inqerdu ħafna mill-fdalijiet Rumani. 

Kappella iddedikata lil Santa Luċija ġiet dokumentata għall-ewwel darba fl-1460, u għadha wieqfa sal-lum pero bħalissa m’hijiex f’użu regolari. 

It-torri tal-arloġġ, illum monument prominenti tal-Imtarfa, inbena fl-1895. L-Isptar navali, RNH Mtarfa, inbena matul l-Ewwel Gwerra Dinjija, u issa nbidel fi skola sekondarja tal-gvern, bl-isem ta’ Sir Temi Zammit. Kappella iddedikata lil San Oswald inbniet mill-Ingliżi wara tmiem l-Ewwel Gwerra Dinjija.

Meta twaqqfu l-ewwel kunsilli lokali f’Malta fl-1993, l-Imtarfa kienet tagħmel parti mill-kunsill lokali tar-Rabat. Fl-2000 l-Imtarfa eleġġiet l-ewwel kunsill lokali tagħha, wara li saret emenda fl-Att dwar il-Kunsilli Lokali. 

L-Imtarfa kienet iddikjarata żona Pastorali Awtonoma fl-2000, u saret parroċċa indipendenti fid-denominazzjoni tal-Knisja Kattolika Rumana fit-8 ta’ Diċembru 2004. Il-knisja parrokkjali hija wkoll iddedikata lil Santa Luċija.